L-istatistika turi li żgħażagħ bejn it-18 u l-24 sena huma l-aktar probabbli li jkollhom aċċident serju fuq il-post tax-xogħol minn adulti akbar fl-età. Jistgħu jkunu esposti għal kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena li jwasslu għall-iżvilupp ta’ mard okkupazzjonali meta jkunu għadhom żgħar jew iżjed tard f’ħajjithom.
Billi jkunu ġodda għall-post tax-xogħol, iż-żgħazagħ jista’ jkollhom nuqqas ta’ esperjenza u spiss ikollhom nuqqas ta’ maturità kemm fiżika kif ukoll psikoloġika. Jistgħu ma jagħtux attenzjoni biżżejjed lir-riskji li jiffaċċjaw. Fatturi oħra li jqiegħdu liż-żgħażagħ f’riskju akbar jinkludu:
- Ħiliet u taħriġ insuffiċjenti
- Ma jkunux konxji mid-drittijiet tagħhom u mid-dmirijiet tal-impjegatur tagħhom
- Ma jkollhomx il-kunfidenza biex jitkellmu jekk tinqala’ problema
- Impjegaturi li ma jirrikonoxxux il-protezzjoni addizzjonali li jeħtieġu ż-żgħażagħ
L-EU-OSHA tipproduċi statistika, timmonitorja r-riskji għaż-żgħażagħ u tappoġġja l-kondiviżjoni tal-prattiki tajba biex tipproteġihom fuq il-post tax-xogħol.
Id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-impjegaturi
Hija r-responsabbiltà tal-impjegatur li jipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-ħaddiema żgħażagħ. Għandhom iwettqu valutazzjoni tar-riskji qabel ma jibdew jaħdmu ż-żgħażagħ u jdaħħlu fis-seħħ miżuri li jipproteġuhom.
Il-ħaddiema ż-żgħażagħ għandhom jingħataw xogħol adattat u jiġu pprovduti b’taħriġ adegwat u superviżjoni. L-impjegaturi għandhom jippromwovu kultura b’saħħitha ta’ sigurtà u jinvolvu lill-ħaddiema żgħażagħ fi kwistjonijiet ta’ sigurtà. Regoli speċjali japplikaw fir-rigward ta’ ħaddiema żgħażagħ taħt l-età ta’ 18-il sena.
Id-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE tistabbilixxi l-obbligi legali għall-impjegaturi. Dawn l-obbligi huma stabbiliti fir-regolamenti ta’ kull Stat Membru. L-organizzazzjonijiet nazzjonali dwar is-saħħa u s-sigurtà u t-trejdjunjins huma sorsi tajba għall-pariri.
Id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema żgħażagħ
Iż-żgħażagħ għandhom id-dritt li jistaqsu, jesprimu t-tħassib tagħhom u jirrifjutaw li jagħmlu xogħol li mhux sigur.
Fl-istess ħin, għandhom responsabbiltajiet li jsegwu l-politiki tal-OSH u jieħdu ħsieb is-sigurtà tagħhom stess u tal-kollegi tagħhom.
Jekk inti ħaddiem żagħżugħ u għandek problema, l-iżjed ħaġa importanti hija li tgħid lil xi ħadd. Tkellem mal-imgħallem tiegħek jekk tista’. Jekk ma tistax, tkellem mar-rappreżentant tas-sigurtà, mal-persunal tas-saħħa okkupazzjonali jew ma’ ġenitur, kustodju jew kollega li tafda. L-organizzazzjonijiet nazzjonali dwar is-saħħa u s-sigurtà u t-trejdjunjins huma sorsi tajba għall-pariri.
- Staqsi jekk m’intix ċert dwar xi ħaġa
- Kun af id-drittijiet tiegħek u minn fejn tikseb l-għajnuna
- Ifhem ir-riskji u x’għandek tagħmel f’każ ta’ emerġenza
- Twettaqx kompiti mingħajr taħriġ — u segwi l-proċeduri
Għajnuna għall-edukaturi u għall-ġenituri
L-edukaturi għandhom rwol importanti. Jekk jistgħu jiżviluppaw attitudni tajba għal u l-fehim tal-prevenzjoni tar-riskji fiż-żgħażagħ minn età bikrija, ikunu qed jgħinuhom jibqgħu siguri tul ħajjithom.
Bl-użu tal-karattru popolari ħafna ta’ Napo , l-EU-OSHA ħolqot serje ta’ settijiet ta’ għodod għall-edukazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali għall-għalliema, bl-għan li tintroduċu s-suġġetti tas-saħħa u s-sigurtà lit-tfal tal-iskola primarja b’mod edukattiv, iżda ta’ gost u immaġinattiv bl-użu ta’ vidjows ta’ Napo u attivitajiet kreattivi.
L-edukaturi involuti fl-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali jew esperjenza ta’ xogħol għandhom jikkontrollaw l-arranġamenti tas-saħħa u s-sigurtà mal-impjegaturi tagħhom.
Sir af aktar dwar l-integrazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fl-edukazzjoni.
Il-ġenituri jistgħu jappoġġjaw liż-żgħażagħ billi jiżguraw li dawn jifhmu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. Il-ġenituri jistgħu jgħinu wkoll billi jitkellmu magħhom dwar ix-xogħol u l-kulleġġ u s-saħħa u s-sigurtà tagħhom.
Aqra l-folja tal-fatti għall-ġenituri.