Nieħdu azzjoni dwar il-kanċer relatat max-xogħol
Il-kanċer huwa stmat li huwa l-kawża prinċipali tal-imwiet relatati max-xogħol fl-UE. Huwa ċar li jista’ jsir aktar biex jitnaqqas in-numru ta’ każijiet ta’ kanċer okkupazzjonali, u għal din ir-raġuni, fil-25 ta’ Mejju 2016, sitt organizzazzjonijiet Ewropej iffirmaw patt li jorbothom għal skema ta’ azzjoni volontarja biex permezz tagħha jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji li jirriżultaw mill-esponimenti għall-karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol u jiskambjaw prattiki tajbin.
Is-sħab kienu:
- Il-Ministeru Federali Awstrijak tax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur
- BUSINESSEUROPE (L-impjegaturi Ewropej)
- L-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA)
- Il-Kummissjoni Ewropea
- Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions
- Il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u tal-Impjiegi tan-Netherlands
Il-patt ġie mġedded fit-28 ta’ Novembru 2019 u ġie ffirmat mill-Ministeru Finlandiż għall-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa u l-Ministeru Federali Ġermaniż għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, li rringrazzjaw lill-Awstrija u n-Netherlands għall-impenn tagħhom, flimkien mal-erba’ sħab Ewropej (il-Kummissjoni Ewropea, l-EU-OSHA, il-KETU u l-Business Europe).
Fil-konferenza tal-Presidenza Ġermaniża “STOP cancer in the workplace” fid-9 u l-10 ta’ Novembru 2020, organizzata mill-Ministeru Federali Ġermaniż tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali (BMAS) u l-Istitut Federali għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (BAuA), is-sħab tal-pjan direzzjonali ppreżentaw strateġija ġdida 2020-2024.
Strateġija 2020-2024
Għall-perjodu mill-2020 sal-2024 huma stabbiliti l-erba’ għanijiet li ġejjin:
- Il-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni fost in-negozji u l-ħaddiema dwar ir-riskji ta’ esponiment għal sustanzi karċinoġeniċi u l-ħtieġa ta’ azzjonijiet preventivi madwar l-Ewropa.
- L-għoti ta’ għajnuna lin-negozji u lill-ħaddiema fil-prevenzjoni tal-esponiment għal karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol u l-minimizzazzjoni tal-effetti tagħhom fuq il-forza tax-xogħol.
- Il-mobilizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u ż-żieda fl-involviment tal-partijiet rilevanti biex jimmultiplikaw l-isforzi madwar l-Ewropa.
- L-immirar tal-innovazzjoni biex jitnaqqas id-distakk bejn is-sejbiet tar-riċerka u l-ħtiġijiet tan-negozji.
Il-parteċipazzjoni fil-pjan direzzjonali
Mill-2021, is-sħab tal-pjan direzzjonali se jinvolvu ruħhom f’diversi attivitajiet biex jinkiseb impatt ulterjuri, ilkoll biex jgħinu fil-prevenzjoni tal-esponiment tal-ħaddiema għall-karċinoġeni. Kull waħda minn dawn l-hekk imsejħa “sfidi” se tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-erba’ għanijiet ewlenin. L-isfidi huma mmexxija u eżegwiti minn timijiet żgħar ta’ sħab tal-pjan direzzjonali. Madankollu, jeħtieġu kontribut minn ħaddieħor biex jirnexxu. Minbarra t-tmien sħab imsemmija hawn fuq, diversi pajjiżi se jingħaqdu fl-attivitajiet. Organizzazzjonijiet minn madwar l-Ewropa kollha huma wkoll mistiedna jingħaqdu ma’ waħda jew aktar minn dawn l-isfidi u jgħinu biex dawn jitlestew.
Biex tissottometti l-inizjattiva tiegħek, jekk jogħġbok żur https://www.roadmaponcarcinogens.eu
It-triq ’il quddiem
L-EU-OSHA qed tgħin biex tippromwovi l-iskema u se tappoġġja lis-sħab biex jorganizzaw avvenimenti biex iżidus-sensibilizzazzjoni u jivvalutaw il-progress. L-iskema tistabbilixxi programm ta’ azzjonijiet li se jinvolvi diversi Presidenzi tal-Kunsill tal-UE. L-EU-OSHA se tgħin fl-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ dawn l-avvenimenti u l-attivitajiet tal-pjan direzzjonali.
Aktar informazzjoni
Ikkonsulta l-Pjan Direzzjonali għad-dettalji kollha tal-isforzi konġunti ppjanati biex jitnaqqas il-kanċer okkupazzjonali.
L- OSHwiki għandha artikli relatati dwar:
- Sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni
- Il-piż tal-mard okkupazzjonali
- Valuri tal-limitu tal-esponiment fuq ix-xogħol
Żur il-paġna web tagħna dwar l-l-istħarriġ tal-EU-OSHA dwar l-esponiment tal-ħaddiema dwar il-fatturi tar-riskju tal-kanċer
Il-proċedimenti tal-konferenza tal-Presidenza Ġermaniża, id-9-10 ta’ Novembru 2020 u sommarju tal-konferenza
Il-Proċedimenti tal-Konferenza tal-Presidenza Finlandiża tal-UE, is-27-28 ta’ Novembru 2019
L-avveniment tal-pjan direzzjonali tal-EU-OSHA - A+A 18 ta’ Ottubru 2017 - Sommarju online tas-seminar
Il-Proċedimenti tal-Konferenza ta’ Amsterdam dwar il-kanċer relatat max-xogħol, 23-25 ta’ Mejju 2016