REACH — Ir-Regolament għar-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi

L-informazzjoni dwar ir-riskji kkawżati mis-sustanzi u kif għandhom ikunu ttrattati għandha tingħata tul il-katina tal-provvista mill-manifatturi u l-fornituri.

REACH jeżiġi wkoll li l-kumpaniji jew il-persuni li jużaw sustanza kimika, kemm waħedha kif ukoll f'taħlita, waqt l-attivitajiet industrijali jew professjonali tagħhom, jgħaddu l-informazzjoni lill-manifatturi u lill-fornituri tas-sustanzi kimiċi jew lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA). Dawn il-kumpaniji jissejħu utenti downstream. L-utenti downstream għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fl-avvanz tal-użu sigur ta' sustanzi kimiċi fis-sit tagħhom stess u fil-komunikazzjoni ta' informazzjoni rilevanti lill-fornituri u lill-klijenti tagħhom.

Ir-regolament huwa marbut direttament ukoll mar-Regolament dwar il-Klassifikazzjoni, l-Ittikkettar u l-Imballaġġ ta' sustanzi u taħlitiet (CLP) li jistabbilixxi d-dikjarazzjonijiet tal-periklu u tal-prekawzjonijiet u l-pittogrammi li huma sors importanti ta' informazzjoni għall-protezzjoni fuq il-post tax-xogħol.

Links għal-leġiżlazzjoni dwar il-postijiet tax-xogħol

Taħt il-leġiżlazzjoni dwar il-post tax-xogħol, huwa d-dmir tal-impjegatur li jwettaq valutazzjoni tar-riskju u jiżgura li l-ħaddiema huma protetti u mogħtija l-informazzjoni, il-gwida u t-taħriġ dwar l-użu sigur tas-sustanzi kimiċi fuq il-post tax-xogħol, skont l-informazzjoni miksuba mit-tikketti u mill-iskeda tad-data tas-sigurtà. L-impjegatur għandu wkoll id-dritt li jitlob aktar informazzjoni mingħand il-fornitur.

REACH kontinwament jakkumula data dwar ir-riskji għas-saħħa u għas-sigurtà mill-użu ta' sustanzi kimiċi. Ir-reġistrant (il-manifattur jew l-importatur), li jrid jipprovdi din id-data lill-ECHA, irid ukoll jikkomunika din l-informazzjoni lill-utent downstream, billi jipprovdi skeda tad-data tas-sigurtà kompluta b'xenarji ta' esponiment li jkunu jinkludu l-kundizzjonijiet operattivi u l-miżuri ta' ġestjoni tar-riskju għall-użu sigur, bl-għan li jiffaċilitaw it-taħriġ tal-ħaddiema u l-proċedura tal-valutazzjoni tar-riskju. Fl-istess waqt, ir-reġistrant għandu d-dritt li jkun infurmat mill-utenti downstream dwar ir-rilevanza tal-miżuri ta' ġestjoni tar-riskju proposti, b'mod partikolari jekk ma jkunux adattati.

Reġistrazzjoni

REACH jeżiġi r-reġistrazzjoni tas-sustanzi kimiċi kollha mmanifatturati jew importanti fl-UE fi kwantitajiet ta' tunnellata jew aktar fis-sena.

Punti ewlenin
Ħafna mill-kumpaniji jużaw sustanzi kimiċi, xi drabi saħansitra mingħajr ma jindunaw, u għalhekk jeħtieġ li tiċċekkja l-obbligi tiegħek jekk timmaniġġja xi kimika, pereżempju żebgħa, kolla jew prodotti tat-tindif, fl-attività industrijali jew professjonali tiegħek. Jista' jkollok xi responsabbiltajiet taħt REACH. Jekk il-kumpanija tiegħek qed tuża xi sustanzi kimiċi fuq il-post tax-xogħol, iċċekkja mal-impjegatur tiegħek jekk:

  • Is-sustanzi kimiċi li tuża ġewx irreġistrati jew huma maħsuba li jiġu rreġistrati. Din l-informazzjoni hija pprovduta fuq is-sit web tal-ECHA.
  • L-użu tiegħek huwiex kopert minn skedi tad-data tas-sigurtà aġġornati.
  • Il-miżuri ta' ġestjoni tar-riskju kif deskritti fl-iskedi tad-data tas-sigurtà u x-xenarji ta' esponiment ġewx ikkunsidrati fil-valutazzjoni tar-riskju biex jiġi żgurat l-użu sigur tas-sustanza kimika.
  • Il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom ġewx ikkonsultati u infurmati dwar il-valutazzjoni tar-riskju fuq il-post tax-xogħol.

Sors: ECHA, ETUI

Il-manifatturi u l-importaturi jissottomettu l-informazzjoni lill-ECHA dwar il-karatteristiċi perikolużi tas-sustanza, dwar il-klassifikazzjoni u l-ittikkettar, u l-valutazzjoni tar-riskju potenzjali ppreżentat mis-sustanzi. Dawn iridu jaħdmu flimkien ma' kumpaniji oħrajn li qegħdin jirreġistraw l-istess sustanza. Id-data nieqsa trid tiġi ġġenerata u l-iskedi tad-data tas-sigurtà jridu jiġu aġġornati.

It-taqsima tal-“Informazzjoni dwar is-Sustanzi Kimiċi” tal-ECHA tipprovdi aċċess għal bażijiet tad-data ċentralizzati miftuħa għall-pubbliku u għall-awtoritajiet (l-ECHA, il-Kummissjoni Ewropea, l-Awtoritajiet Kompetenti u tal-Infurzar tal-Istati Membri).

Skadenzi tar-reġistrazzjoni

REACH, daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2007 sabiex jissimplifka u jtejjeb il-qafas leġiżlattiv preċedenti tal-UE għas-sustanzi kimiċi.

Dan kien stabbilixxa tliet fażijiet ta' reġistrazzjoni, li jiskadu fit-30 ta' Novembru 2010, fit-30 ta' Mejju 2013 u fit-30 ta' Mejju 2018.

Sir af aktar dwar kampanji konġunti ma' trade unions Ewropej u mal-ECHA dwar l-obbligi tal-impjegaturi taħt REACH: 2010; 2012; 2013; 2015.

Evalwazzjoni

L-ECHA u l-Istati Membri jevalwaw l-informazzjoni ppreżentata mill-kumpaniji sabiex jeżaminaw il-kwalità tad-dossiers ta' reġistrazzjoni u l-proposti tal-ittestjar, u sabiex jiċċaraw jekk sustanza partikolari hijiex ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. Għal ċertu numru ta' sustanzi, Stat Membru magħżul iwettaq evalwazzjoni aktar dettaljata. Is-sustanzi kimiċi li diġà huma rregolati minn leġiżlazzjonijiet oħrajn, bħall-mediċini jew is-sustanzi radjuattivi, huma parzjalment jew kompletament eżenti mir-rekwiżiti ta' REACH.

Aktar informazzjoni dwar l-evalwazzjoni tas-sustanzi kimiċi (ECHA)

Awtorizzazzjoni u restrizzjoni

Taħt REACH, is-sustanzi perikolużi jistgħu jkunu pprojbiti jekk ir-riskji tagħhom mhumiex maniġġabbli. Jistgħu jiddeċiedu wkoll li jirrestrinġu l-użu jew li jagħmluh soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel.

Stat Membru, jew l-ECHA, jistgħu jipproponu restrizzjonijiet (fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea). Żewġ kumitati xjentifiċi jevalwaw u l-ECHA tressaq l-opinjonijiet tagħhom quddiem il-Kummissjoni Ewropea li tipproponi l-adozzjoni ta' restrizzjoni ġdida jew reviżjoni ta' restrizzjoni eżistenti.

Stat Membru, jew l-ECHA, jistgħu jipproponu li sustanza tiġi identifikata bħala sustanza ta' tħassib serju ħafna (SVHC) (fuq talba tal-Kummissjoni), li tista' ssir soġġetta għall-awtorizzazzjoni. Jekk SVHC titqiegħed fuq il-Lista tal-awtorizzazzjoni, il-kumpaniji jistgħu jibagħtu applikazzjoni lill-ECHA fejn jitolbu l-awtorizzazzjoni għal użijiet speċifiċi, iżda ma jkunux jistgħu jużawha mod ieħor. Il-karċinoġeni, is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni u l-mutaġeni, kif ukoll is-sensitizzaturi respiratorji jikkwalifikaw bħala SVHC, iżda jistgħu jiġu proposti wkoll sustanzi oħrajn.

Maż-żmien, l-aktar sustanzi perikolużi għandhom ikunu sostitwiti b'oħrajn inqas perikolużi. Is-sostituzzjoni u l-eliminazzjoni huma wkoll l-ewwel miżura li għandha tiġi applikata għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Kun żgur li tiċċekkja l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħek rigward il-miżuri speċifiċi li jridu jittieħdu, il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet tal-użu.

Appoġġ

REACH ħoloq ukoll l-ECHA, li għandha rwol ċentrali ta' koordinazzjoni u implimentazzjoni fil-proċess globali.

Il-helpdesks nazzjonali jappoġġjaw lill-aġenzija u jipprovdu gwida u informazzjoni. Spiss jiżguraw il-koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-OSH.