Għodod elettroniċi OSH

Image

L-evoluzzjoni ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) wasslet għall-iżvilupp ta’ aktar u aktar għodod interattivi online (‘għodod elettroniċi’), u l-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH) mhuwiex barrani għal din it-tendenza. Ħafna atturi tal-OSH diġà wrew interess f’dawn it-teknoloġiji ġodda u fil-possibbiltajiet li joffru, u, tul dawn l-aħħar snin, ġew żviluppati ħafna għodod elettroniċi tal-OSH. Il-ħtieġa għal mod sempliċi u faċli għall-konformità mal-leġiżlazzjoni u biex tiġi adottata kultura ta’ saħħa u sigurtà kien motivatur sinifikanti fl-iżvilupp tagħhom — speċjalment fost l-intrapriżi mikro u żgħar (MSEs).

X’inhi għodda elettronika?

Għodda elettronika hija biċċa softwer li tista’ taħdem fuq l-Internet, fuq kompjuter jew fuq telefown, tablet jew apparat elettroniku ieħor. L- ‘e’ — jiġifieri ‘elettronika’ — tagħmel distinzjoni bejn dawn l-għodod mill-għodod jew pubblikazzjonijiet tradizzjonali bbażati fuq il-karta.

L-għodod elettroniċi huma ‘interattivi’. Jeħtieġu xi dħul ta’ informazzjoni mil-utent, sew fl-għamla ta’ għarfien (pereżempju permezz tal-mili ta’ lista ta’ kontroll jew qasam ta' data) jew kejl tal-ambjent (pereżempju kejl tal-livelli ta’ ħoss jew dawl bi smartphone). Abbażi ta' dan l-input, l-għodda tipproduċi informazzjoni mfassla għall-utent (pereżempju billi tiggwida lill-utent permezz ta’ proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet). F’dan is-sens, ‘għodda elettronika’ hija differenti minn strument statiku jew passiv bħal skeda informattiva tradizzjonali, lista ta’ kontroll jew gwida elettronika.

L-għodod elettroniċi tal-OSH għandhom jipprovdu appoġġ u/jew riżorsi lill-organizzazzjonijiet (b’mod partikolari l-MSEs, minħabba li spiss, dawn huma l-kumpaniji li jeħtieġu l-aktar dawn l-għodod) biex jgħinuhom jiġġestixxu r-riskji fuq il-post tax-xogħol. Madankollu, l-għodod elettroniċi jistgħu jiġu żviluppati għal firxa wiesgħa ta’ għanijiet, li jistgħu jkunu ġenerali ħafna u li japplikaw għal udjenza diversa jew ħafna aktar speċifiċi u mfassla apposta. Pereżempju:

  • biex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-OSH (l-attur ewlieni tal-OSH biex jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom);
  • biex jgħinu jippromwovu kultura ta’ prevenzjoni (biex tiżdied is-sensibilizzazjoni, għal għanijiet ta’ informazzjoni);
  • għal għanijiet ta’ taħriġ (pereżempju t-tagħlim elettroniku).

Il-benefiċċji tal-għodod elettroniċi

Għal organizzazzjonijiet jew utenti individwali, l-għodod elettroniċi tal-OSH:

  • jagħtu s-setgħa lill-MSEs, billi jippermettu l-prevenzjoni tar-riskju tal-OSH internament;
  • iħaffu n-negozju (data f’għamla elettronika tista’ tkun ikkommunikata u analizzata b’mod aktar faċli milli fuq il-karta);
  • jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ perikli u riskji fuq il-post tax-xogħol;
  • iħaffu l-proċess ta’ valutazzjoni tar-riskji;
  • juru s-soluzzjonijiet potenzjali għall-problemi tal-OSH;
  • jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta' miżuri preventivi fuq il-post tax-xogħol;
  • huma faċli biex jintużaw, interattivi u faċli biex jiġu aċċessati.

B’differenza għal għodod ibbażati fuq il-karta, huwa possibbli li jiġi mmonitorjat l-użu ta’ għodda elettronika. Tista’ tikseb ukoll rispons dwar l-effikaċja u l-funzjonalità ta’ għodda elettronika. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-għodod elettroniċi (pereżempju l-istatistika) jistgħu jintużaw bħala indikaturi tal-proġett u jipprovdu data anonima biex tiġi mmonitorjata l-prestazzjoni tal-politika tal-OSH.

Għal intermedjarji u dawk li jfasslu l-politika, l-għodod elettroniċi jaġixxu bħala strumenti ta' tqajjim ta’ sensibilizzazzjoni (pereżempju meta jintużaw fil-kuntest ta’ kampanja) u jistgħu jimmobilizzaw atturi (eż. imsieħba soċjali, spettorati).

Fl-aħħar nett, l-għodod elettroniċi huma attraenti għaż-żgħażagħ (ħaddiema, studenti), u, permezz ta’ diffużjoni u tixrid online (Internet u l-midja soċjali), jistgħu jilħqu udjenza diversa ħafna.

L-isfidi assoċjati mal-għodod elettroniċi

Hemm varjetà ta’ fatturi li jeħtieġu li jkunu kkunsidrati meta tiġi żviluppata għodda elettronika:

  • Liema teknoloġija hija meħtieġa? L-ospitar, apparati multipli u sistemi operattivi, pereżempju, kollha għandhom jiġu kkunsidrati.
  • X’inhuma l-ispejjeż tal-iżvilupp u tal-manutenzjoni? L-ispejjeż ta’ żvilupp tal-għodod elettroniċi huma ġeneralment baxxi meta mqabbla ma’ għodod ibbażati fuq il-karta (jiġifieri mhemmx spejjeż ta' stampar, ta’ distribuzzjoni jew ta’ ħażna). Madankollu, hekk kif tkun qiegħda tiġi żviluppata l-għodda, funzjonalitajiet ġodda (pereżempju aktar interattività) isiru aktar apparenti u l-iżvilupp ta’ dawn iżid l-ispiża u l-ħin għall-iżvilupp. Hemm ukoll spejjeż assoċjati mal-manutenzjoni u l-aġġornament tal-għodda elettronika.
  • L-għodda se tkun applikazzjoni bbażata fuq l-Internet jew applikazzjoni fuq il-mobile? Xi għodod elettroniċi jistgħu jkunu ‘awtonomi’ fuq telefown u ma jeħtiġux konnessjoni mal-Internet, filwaqt li oħrajn jieħdu l-għamla ta’ sit web risponsiv, li jkun jeħtieġ konnessjoni mal-Internet. Huwa aktar faċli li jiġi evalwat is-suċċess ta’ siti web risponsivi milli l-applikazzjonijiet tal-mobile, iżda l-utent mhux dejjem jista' jkollu konnessjoni mal-Internet. Meta tiddeċiedi liema minn dawn l-approċċi tieħu, l-utent huwa l-konsiderazzjoni primarja.
  • Minn għandu d-drittijiet tal-proprjetà? Ħafna drabi, f’dan il-qasam, jinħolqu nuqqas ta’ ċertezza u diffikultajiet.
  • Ġew solvuti l-kwistjonijiet kollha relatati mad-drittijiet tal-awtur (pereżempju softwer, kontenut, ritratti)? Id-dritt tal-awtur fil-pubblikazzjonijiet fuq il-karta mhuwiex l-istess bħal dritt tal-awtur fuq l-għodod elettroniċi, u ħafna drabi għandhom jiġu kkonsultati avukati biex jgħinu fil-kjarifika ta’ dawn il-kwistjonijiet.

Għalkemm l-għodod elettroniċi jistgħu jkunu għaljin biex jiġu mantnuti u jinżammu aġġornati, billi jiġi kondiviż l-għarfien kif ukoll l-approċċi komuni, l-ispejjeż jistgħu jitnaqqsu.

L-EU-OSHA u l-għodod elettroniċi

L-EU-OSHA temmen li l-għodod elettroniċi tal-OSH għandhom rwol vitali biex jgħinuna nagħmlu l-postijiet tax-xogħol tagħna aktar siguri u li jibżgħu aktar għas-saħħa. Għalhekk, hija impenjata biex tistimula l-iżvilupp ta’ għodod elettroniċi tal-OSH u biex tappoġġja, tippromwovi u xxerred l-għodod elettroniċi eżistenti. L-EU-OSHA tiffoka fuq għodod elettroniċi tal-OSH ‘mhux għall-profitt’ u ‘mhux kummerċjali’ jew dawk li huma mingħajr ħlas għall-utent aħħari.

L-EU-OSHA tinvolvi ruħha fl-iżvilupp tal-għodda elettronika tal-OSH billi:

  • tlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati (żviluppaturi, promoturi, esperti, utenti) biex jiddiskutu l-bżonnijiet u l-isfidi;
  • tikkondividi informazzjoni u għarfien dwar kif jiġu żviluppati l-għodod elettroniċi;
  • tiskambja l-prattika tajba fir-rigward tal-iżvilupp tal-għodda elettronika;
  • tidentifika sfidi fl-iżvilupp tal-għodda elettronika;
  • tappoġġja laqgħat annwali;
  • ixxerred informazzjoni dwar kif tagħmel l-għodod aktar trasferibbli.

L-EU-OSHA tappoġġja għodod eżistenti billi:

  • tippromwovi l-għodod elettroniċi permezz ta’ artikli tal-OSHwiki;
  • tinkoraġġixxi l-kondiviżjoni, l-adozzjoni u l-adattament ta’ għodod eżistenti minn istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet u Stati Membri oħrajn;
  • taġixxi bħala pjattaforma ta’ promozzjoni kooperattiva (jiġifieri l-għodod ikunu inklużi/promossi fi proġetti jew kampanji oħra).

Aqra aktar dwar avvenimenti tal-għodod elettroniċi u laqgħat ta’ diskussjoni li jitwettqu mill-EU-OSHA.

Aqra artikli tal-OSHwiki fuq għodod elettroniċi bħal SEIRICH: għodda għall-valutazzjoni ta’ kimiki f’ambjenti okkupazzjonali u SUBSPORT - Substitution Support Portal (Portal għas-Sostenn tas-Sostituzzjoni).