Il-multilingwiżmu huwa element essenzjali ta’ komunikazzjoni inklużiva fl-Unjoni Ewropea u għal kwalunkwe organizzazzjoni pan-Ewropea. Il-fatt li l-informazzjoni, l-analiżi u l-għodod li tiżviluppa l-EU-OSHA jsiru disponibbli f’diversi lingwi jfisser li l-Aġenzija tista’ tilħaq aktar persuni.
Neliminaw l-ostakoli lingwistiċi
L-EU-OSHA taħdem biex ixxerred il-messaġġi tagħha bl-aktar mod wiesa’ possibbli billi tinkludi l-multilingwiżmu fl-attivitajiet ta’ kuljum tagħha. Din tieħu sehem ukoll fi proġetti innovattivi f’dan il-qasam f’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra tal-UE.
Għall-EU-OSHA, il-multilingwiżmu huwa kemm prinċipju fundamentali li għandu jiġi rrispettat kif ukoll għażla pragmatika li tgħin lill-Aġenzija twettaq il-missjoni tagħha.
L-għan tal-EU-OSHA huwa li taħseb b’mod kreattiv u li taħdem b’mod kosteffettiv biex tiżgura li l-attivitajiet tagħha jkunu aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-UE irrispettivament mil-lingwi li jitkellmu. Biex nagħtu ftit eżempji:
- il-films animati ta’ Napo huma mingħajr kliem u jistgħu jinftiehmu u jitgawdew minn kulħadd;
- l-għodod OiRA huma disponibbli f’diversi lingwi u l-utenti jistgħu jfittxu l-għodod skont il-lingwa;
- bħala parti mill-premju fil-Premju tal-Films għall-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa, il-film rebbieħ jiġi offrut lil punti fokali nazzjonali għas-sottotitolar bil-lingwi tagħhom.
Xi wħud mill-materjali li tipproduċi l-EU-OSHA huma disponibbli f’25 lingwa Ewropea. Oħrajn, bħal xi pubblikazzjonijiet, jiġu tradotti wara li jsiru talbiet mill-punti fokali nazzjonali. Il-punti fokali jaqdu rwol attiv biex jindirizzaw il-ħtieġa għal traduzzjonijiet u jimmonitorjaw il-kwalità tagħhom.
Is-sit web korporattiv tal-EU-OSHA
Il-parti l-kbira tal-kontenut tas-sit web korporattiv tal-EU-OSHA huwa multilingwi; it-taqsimiet prinċipali u l-punti ewlenin u l-istqarrijiet tal-aħbarijiet kollha li jiġu ppubblikati fuq is-sit web korporattiv huma disponibbli f’25 lingwa.
Fl-2017, l-EU-OSHA flimkien mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea u ċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea rebħu l-Premju tal-Ombudsman Ewropew għal Amministrazzjoni Tajba fil-kategorija ta’ Eċċellenza fl-għoti ta’ servizzi ffukati fuq iċ-ċittadini/il-klijenti għax-xogħol innovattiv tagħhom fuq proġett biex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tat-traduzzjoni ta’ siti web multilingwi.
Il-Kampanji dwar il-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa
Ngħinu biex niżguraw traduzzjonijiet ta’ kwalità għolja
L-EU-OSHA flimkien maċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT) u l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, implimentaw proġett biex jaġġornaw u jespandu t-teżawri multlingwi tagħhom ta’ terminoloġija relatata mas-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali (OSH). L-għan kien li tingħata għajnuna lit-tradutturi biex jiksbu verżjonijiet konsistenti, preċiżi u aġġornati ta’ testi relatati mal-OSH.
It-teżawru multilingwi issa huwa integrat fis-sistema għall-ġestjoni tal-kontenut tas-sit web tal-EU-OSHA. Dan fih 2000 terminu ġdid bi traduzzjonijiet, definizzjonijiet, referenzi diretti għal sorsi u kuntesti, fil-IATE (il-Bażi tad-Data tat-Terminoloġija Interistituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, miżmuma mis-CdT) u fil-EuroVoc (it-teżawru multilingwi tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet). It-traduzzjonijiet kollha ġew riveduti mill-punti fokali nazzjonali tal-Aġenzija biex tiġi żgurata l-preċiżjoni tagħhom.
It-termini jintużaw biex jiġu tteggjati pubblikazzjonijiet u tip ieħor ta’ kontenut sabiex dawk li jkunu qed jagħmlu tfittxija jkunu jistgħu jsibu data dwar l-OSH b’mod aktar faċli u effiċjenti.
Fil-qafas tal-Kampanja dwar il-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa, l-EU-OSHA ħejjiet ukoll glossarji f’oqsma partikolari ta’ għarfien dwar l-OSH. Dawn jinsabu fis-sit web tal-kampanja u fit-taqsimiet rilevanti fuq is-sit web korporattiv.