Fl-20 ta’ Marzu 2012, il-Bord ta’ Tmexxija tal-EU-OSHA adotta l-Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba tal-Ombudsman Ewropew, li jistabbilixxi l-prinċipji li l-membri kollha tal-persunal tiegħu għandhom jirrispettaw fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku.
Amministrazzjoni tajba hija dak li l-membri tal-pubbliku huma intitolati li jistennew meta jkollhom x’jaqsmu ma’ korp pubbliku. Tinvolvi r-rispett tal-liġijiet u l-proċeduri, b’mod speċjali tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, u servizzi ta’ kwalità għolja.
X’inhu l-kodiċi ta’ mġiba amministrattiva tajba?
Il- Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba tal-Ombudsman Ewropew jistabbilixxi l-prinċipji bażiċi ta’ amministrazzjoni tajba. Il-kodiċi jinforma lill-persunal dwar ir-regoli li għandhom isegwu fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku.
Bl-għajnuna tal-kodiċi, il-membri tal-pubbliku jkunu jafu eżatt kif taħdem l-Aġenzija u xi drittijiet għandhom meta jkollhom x’jaqsmu mal-Aġenzija.
L-għanijiet finali huma t-tisħiħ tat-trasparenza tal-amministrazzjoni, biex tiġi żgurata kwalità aħjar tas-servizzi pprovduti u biex l-amministrazzjoni titressaq eqreb lejn il-pubbliku.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba, ara l- websajt tal-Ombudsman Ewropew.