Il- Qafas Strateġiku dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2021-2027 tal-Kummissjoni Ewropea jiddefinixxi l-prijoritajiet u l-azzjonijiet ewlenin għat-titjib tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, u l-indirizzar tat-tibdil rapidu fl-ekonomija, fid-demografija u fix-xejriet tax-xogħol.
Prijoritajiet strateġiċi
Il-Qafas Strateġiku jieħu approċċ tripartitiku — li jinvolvi lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri, lis-sħab soċjali u lil partijiet ikkonċernati oħrajn — u jiffoka fuq tliet prijoritajiet ewlenin:
- l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tat-tibdil fil-kuntest ta’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi, diġitali u demografiċi;
- it-titjib tal-prevenzjoni ta’ aċċidenti u mard relatati max-xogħol, u l-istinkar lejn approċċ ta’ Viżjoni Żero fir-rigward ta’ mwiet relatati max-xogħol;
- iż-żieda fit-tħejjija għal rispons għal kriżijiet tas-saħħa attwali u futuri.
L-implimentazzjoni tal-qafas — rwol ewlieni għall-EU-OSHA
Is-suċċess tal-qafas jiddependi mill-implimentazzjoni tiegħu fil-livelli tal-UE, nazzjonali, settorjali u dak tal-intrapriżi, u l- infurzar, id-djalogu soċjali, il-finanzjament, is-sensibilizzazzjoni u l-ġbir ta’ data effettivi jkunu ewlenin. Permezz tan-network ta’ sħab estensiv tagħha, l-EU-OSHA tinsab f’post tajjeb biex tiffaċilita l-azzjoni, il-kooperazzjoni u l-iskambju, u twassal l-ambizzjonijiet tal-qafas.
L-istudji dwar il-previżjoni u l-proġetti ta’ ħarsa ġenerali tal-EU-OSHA għandhom l-għan li jantiċipaw ir-riskji u jidentifikaw il-prijoritajiet, sabiex jinformaw l-iżvilupp tal-prattika u l-politika tal-OSH f’oqsma bħad-diġitalizzazzjoni u l-impjiegi ekoloġiċi, u r-riskji ta’ stress u dawk psikosoċjali. L-EU-OSHA tipprovdi wkoll riżorsi faċli li jintużaw biex tgħin lill-postijiet tax-xogħol jimplimentaw il-prevenzjoni, bil-produzzjoni ta’ ammonti kbar ta’ gwida biex tgħin lill-ħaddiema jibqgħu siguri matul il-pandemija, sew jekk esposti fuq quddiem nett kif ukoll meta jridu jadattaw għax-xogħol mid-dar. L-involviment tagħha fil-Pjan Direzzjonali dwar il-Karċinoġeni u l-kampanji tagħha dwar Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiema is-Saħħa juru l-impenn tal-Aġenzija għall-promozzjoni ta’ kultura ta’ prevenzjoni fl-Ewropa kollha u lil hinn minnha, pedament tal-politika tal-EU OSH.
Skopri l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2021-2027