Matul l-2019, l-EU-OSHA tiċċelebra 25 sena ta’ ħidma flimkien biex tagħmel il-postijiet tax-xogħol tal-Ewropa aktar siguri, sani u produttivi. Hawnhekk se ssib l-informazzjoni kollha dwar il-25 anniversarju mill-ħolqien tal-EU-OSHA.
L-EU-OSHA ssir parti mill-proġett Ewropew
Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH) ilha fil-qalba tal-proġett Ewropew mill-bidu bil-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. L-objettiv intermedju għall-OSH fl-UE fil-fażi tal-iżvilupp kienet il-pubblikazzjoni tad-Direttiva Qafas (89/391/KEE) fl-1989. Hija stabbilixxiet prinċipji komuni u poġġiet il-valutazzjoni tar-riskju fil-qalba tal-leġiżlazzjoni dwar l-OSH. Fil-bidu tad-disgħinijiet, fl-Ewropa seħħew aktar minn 4 miljun inċident fuq il-post tax-xogħol, bi 8 000 minnhom ikunu fatali. B’reazzjoni għal dawn iċ-ċifri xokkanti, il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat l-1992 bħala s-Sena Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol. Dan ħoloq il-kundizzjonijiet għall-ħolqien tal-EU-OSHA fl-1994, u l-bqija tal-ġrajja kulħadd jafha.
X’hemm lest fil-futur?
L-aħħar 25 sena kienu żmien ta’ tibdil sinifikanti fid-dinja tax-xogħol u ta’ tibdil inkomparabbli fl-UE. Għada għadu ħadd ma rah, iżda hemm probabbiltà kbira li l-futur se jġib miegħu sfidi ġodda minħabba l-iżviluppi fit-teknoloġija, fil-pressjonijiet politiċi u soċjetali, u bidliet fl-ekonomija, fid-demografija u fl-UE nnifisha. Ir-relazzjonijiet b’saħħithom tal-EU-OSHA mas-sħab kollha tagħha — il-Kummissjoni Ewropea, il-punti fokali nazzjonali, is-sħab soċjali, is-sħab tal-kampanji u l-partijiet ikkonċernati tagħha — se jgħinuha ħafna biex tegħleb dawn l-isfidi.
Jiġri x’jiġri fil-futur, l-EU-OSHA u s-sħab tagħha se jkomplu jaħdmu biex jagħmlu l-Ewropa post tax-xogħol aktar sigur, san u produttiv.