Ix-xogħol u l-postijiet tax-xogħol qed jinbidlu kontinwament bl-introduzzjoni ta’ teknoloġiji, sustanzi u proċessi ta’ ħidma ġodda, bidliet fl-istruttura tal-forza tax-xogħol u tas-suq tax-xogħol, u forom ġodda ta’ impjieg u organizzazzjoni tax-xogħol. Dan jista’ jwassal għal riskji u sfidi ġodda għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema. Dawn għandhom jiġu antiċipati u indirizzati sabiex jiġu żgurati postijiet tax-xogħol sikuri u ħielsa mill-periklu fil-futur.
Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-EU-OSHA huwa l-identifikazzjoni u l-provvediment ta’ data kredibbli u ta’ kwalità għolja ta’ dawn ir-riskji għas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (OSH) ġodda u emerġenti li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ dawk li jfasslu l-politika u r-riċerkaturi u jippermettulhom jieħdu azzjonijiet fil-ħin u effettivi.
Għal dan il-għan, l-Osservatorju Ewropew tar-Riskju tal-EU-OSHA jiġbor u jeżamina data, jibbaża fuq riċerka u konsultazzjonijiet esperti, fuq xejriet u fatturi sottostanti li għandhom impatt fuq il-postijiet tax-xogħol u s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema. Dan jipproduċi dokumenti ta’ diskussjoni, rapporti, sommarji u viżwalizzazzjonijiet immirati lejn dawk li jfasslu l-politika, is-sħab soċjali, ir-riċerkaturi u l-intermedjarji tal-post tax-xogħol fl-UE u fil-livell nazzjonali sabiex jingħataw l-informazzjoni u l-għodod meħtieġa biex b’mod effettiv jiġu indirizzati l-isfidi identifikati ġodda u emerġenti.
L-għan aħħari huwa li titqajjem sensibilizzazzjoni dwar kif bidliet ta’ kull tip — teknoloġiċi, soċjetali, politiċi u ekonomiċi — x’aktarx jaffettwaw is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema tal-Ewropa, kif ukoll li titħeġġeġ prevenzjoni fil-ħin tal-isfidi OSH futuri sabiex jiġi żgurat li l-postijiet tax-xogħol ta’ għada huma sikuri u ħielsa mill-periklu.
L-identifikazzjoni tar-riskji emerġenti
Prospettiva
L-EU-OSHA ilha għaddejja b’sensiela ta’ proġetti prospettivi maħsuba biex jevalwaw l-effetti possibbli ta’ teknoloġiji ġodda, modi tax-xogħol ġodda u bidla soċjetali fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema. Il-proġetti għandhom l-għan li mhux biss jidentifikaw riskji ġodda li jitfaċċaw, iżda wkoll li jantiċipaw bidliet li jista’ jkollhom impatt fuq is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol.
Il-proġetti prospettivi tal-EU-OSHA jibbażaw fuq varjetà ta’ metodi, inklużi reviżjonijiet letterarji, konsultazzjoni ma’ esperti u t-tiswir ta’ xenarji. L-EU-OSHA torganizza sessjonijiet ta’ ħidma sabiex tiġbor għarfien, tgħin fil-promozzjoni tar-riżultati u tistimula dibattitu.
Dan il-programm ta’ ħidma huwa maħsub biex it-tfassil ta’ politika jkun infurmat u biex jgħin fl-istabbiliment ta’ prijoritajiet għall-azzjoni u r-riċerka. Studji prospettivi jista’ jkollhom impatt fuq il-politika li huwa sinifikanti; pereżempju, jistgħu jgħinu lil dawk li jfasslu l-politika biex jaslu għal soluzzjonijiet innovattivi u dawn iħeġġu approċċ strateġiku fit-tul.
SIs-suġġetti diġà koperti mis-serje ta’ rieżami jinkludu l-impjiegi ekoloġiċi, l-ICT/id-diġitalizzazzjoni, l-ekonomija ċirkolari u t-tibdil fil-klima.
Barra minn hekk, serje ta’ pubblikazzjonijiet speċifiċi għas-settur dwar il-futur tal-agrikoltura u forestrija iħarsu lejn opportunitajiet u riskji ġodda u emerġenti.
Dokumenti ta’ diskussjoni esperta
L-EU-OSHA tippubblika dokumenti ta’ reviżjoni esperta sabiex tipprovoka dibattitu dwar il-futur tax-xogħol u dwar kwistjonijiet emerġenti fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol fost l-esperti u dawk li jfasslu l-politika tal-OSH madwar l-UE. Il-konklużjonijiet milħuqa f’dawn id-dokumenti spiss jissuġġerixxu oqsma għal riċerka jew azzjoni ulterjuri.
Is-suġġetti li diġà ġew koperti mis-sensiela ta’ reviżjonijiet jinkludu crowdsourcing, robotika u drogi li jtejbu l-prestazzjoni, stampar 3D, teknoloġiji ta’ monitoraġġ u s-settur tal-bejgħ elettroniku.
Esplora d-dokumenti kollha ta’ diskussjoni esperta dwar ir-riskji emerġenti