Sustanzi perikolużi

Image

Sustanzi perikolużi — kwalunkwe likwidu, gass jew solidu li joħloq riskju għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema — jista' jinstab fi kważi l-postijiet kollha tax-xogħol. Miljuni ta' ħaddiema madwar l-Ewropa jiġu f'kuntatt ma' aġenti kimiċi u bijoloġiċi li jistgħu jkunu ta' ħsara għalihom.

Fil-fatt, fl-2015, 17 % tal-ħaddiema fl-UE rrappurtaw li kienu esposti għal prodotti jew sustanti kimiċi għal mill-inqas kwart tal-ħin tax-xogħol tagħhom, proporzjon li prattikament ma nbidilx mis-sena 2000 'l hawn, u 15 % irrappurtaw li belgħu dħaħen jew trab fuq il-post tax-xogħol.

Ċerti sustanzi perikolużi ħafna — bħall-asbestos jew il-bifenili poliklorinati (PCBs) — issa huma pprojbiti jew taħt kontroll strett. Madankollu, għadhom jintużaw b'mod wiesa' ċerti sustanzi li jistgħu jkunu perikolużi, u hemm leġiżlazzjoni fis-seħħ biex tiżgura li r-riskji assoċjati magħhom jiġu ġestiti kif xieraq.

Ir-riskji għas-saħħa

Il-problemi tas-saħħa li jistgħu jiġu kkawżati meta wieħed jaħdem b'sustanzi perikolużi jvarjaw minn irritazzjoni ħafifa tal-għajnejn u tal-ġilda sa effetti serji, bħal difetti fit-twelid u kanċer. L-effetti jistgħu jkunu akuti jew fit-tul, u ċerti sustanzi jistgħu jkollhom effett kumulattiv. Uħud mill-perikli l-aktar komuni huma:

Ċerti sustanzi perikolużi joħolqu riskji għas-sigurtà, bħar-riskju ta’ nar, splużjoni jew soffokazzjoni. Barra minn hekk, normalment sustanzi perikolużi jkollhom diversi minn dawn il-karatteristiċi.

Aġenti bijoloġiċi

Batterji, virusijiet, fungi u parassiti jinstabu f'ħafna setturi. Normalment ma jkunux jidhru u għalhekk ir-riskju li jippreżentaw jista' ma jiġix ikkunsidrat.

Il-ħaddiema f'ċerti setturi huma f'periklu partikolari li jiġu esposti għal aġenti bijoloġiċi perikolużi: il-kura tas-saħħa, l-agrikoltura, is-servizzi veterinarji, it-tindif u l-manutenzjoni, id-drenaġġ u l-ġestjoni tal-iskart, il-ġardinaġġ u x-xogħol fil-laboratorju.

Sir af aktar:

Riskji emerġenti

It-teknoloġiji ġodda, is-setturi li jespandu u l-bidliet fil-mod kif jiġi organizzat ix-xogħol jistgħu jirriżultaw f'riskju akbar ta' periklu minn aġenti bijoloġiċi jew kimiċi. Fis-settur tal-ambjent, pereżempju, it-teknoloġiji innovattivi jistgħu jinvolvu riskji li ftit huma mifhuma. Biex nagħtu eżempju ieħor, kulma jmur aktar ħaddiema qed ikunu esposti għal sustanzi perikolużi fi professjonijiet ta' servizzi bħall-kura fid-dar u l-immaniġġjar tal-iskart, fejn l-esponiment huwa varjat iżda l-għarfien dwar il-perikli involuti huwa limitat. Huwa essenzjali aktar minn qatt qabel li min iħaddem u l-ħaddiema jifhmu r-riskji potenzjali u jieħdu azzjoni preventiva.

Sir af aktar dwar ir-riskji emerġenti, l-impjiegi ekoloġiċi u n-nanomaterjali.

Aktar informazzjoni dwar ir-riskji emerġenti:

Miżuri preventivi u ġestjoni ta' sustanzi perikolużi

Biex il-ħaddiema jiġu protetti minn sustanzi perikolużi, l-ewwel pass huwa li ssir valutazzjoni tar-riskju. Imbagħad, għandhom jittieħdu azzjonijiet biex kemm jista' jkun jitneħħew jew jitnaqqsu r-riskji. U, finalment, is-sitwazzjoni għandha tkun immonitorjata b'mod regolari u tiġi riveduta l-effettività tal-passi meħuda.

L-Istati Membri u l-EU-OSHA żviluppaw għadd ta' mudelli sabiex jgħinu lill-impriżi żgħar u medji jwettqu valutazzjoni tar-riskju. L-Għodda elettroniku dwar is-Sustanzi Perikolużi tipprovdi lill-impjegaturi bl-appoġġ u b'pariri li għandhom bżonn biex jimmaniġġjaw b’mod effettiv is-sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol. Bażi tad-data ta' għodod prattiċi u gwida tinkludi miżuri prattiċi għall-postijiet tax-xogħol, bħal gwida dwar il-valutazzjonijiet tar-riskji u dwar kif jiġi sostitwit jew eliminat l-użu ta' sustanzi perikolużi, studji tal-każ u varjetà ta' strumenti.

Aqra aktar fil-paġna tal-OSHwiki dwar l-għodod ta' ġestjoni tar-riskju għas-sustanzi perikolużi

L-impjegaturi għandhom iqisu wkoll kwalunkwe grupp vulnerabbli, bħall-ħaddiema żgħażagħ, tqal jew li qed ireddgħu, li għalihom hija meħtieġa protezzjoni speċjali bil-liġi. Gruppi ta' ħaddiema oħrajn, bħal ħaddiema migranti, persunal mhux imħarreġ jew bla esperjenza, u kuntratturi, bħal persunal tat-tindif, jeħtieġ ukoll li jiġu kkunsidrati u li titfassal prevenzjoni għall-ħtiġijiet tagħhom.

Il-ġerarkija tal-prevenzjoni

Il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema tistabbilixxi ġerarkija ta' miżuri li l-impjegaturi jridu jieħdu sabiex jikkontrollaw ir-riskji minn sustanzi perikolużi għall-ħaddiema.

  • L-eliminazzjoni u s-sostituzzjoni huma fil-quċċata tal-ġerarkija tal-miżuri ta' kontroll. Fejn possibbli, għandu jiġi eliminat l-użu ta' sustanzi perikolużi billi jinbidel il-proċess jew il-prodott li fihom tintuża s-sustanza.
  • Jekk l-eliminazzjoni ma tkunx possibbli, għandha tinstab sustanza mhux perikoluża jew inqas perikoluża minflok dik perikoluża.
  • Jekk sustanza jew proċess ma jistgħux jiġu eliminati jew sostitwiti, l-esponiment jista' jkun evitat jew imnaqqas permezz ta' soluzzjonijiet tekniċi u organizzattivi. Dawn jinkludu, pereżempju, il-kontroll tal-emissjoni mis-sors (sistema magħluqa jew ventilazzjoni tal-egżost), jew it-tnaqqis tan-numru ta' ħaddiema esposti għas-sustanza perikoluża, u t-tul ta' żmien u l-intensità tal-esponiment.
  • Bil-liġi, l-użu ta' tagħmir ta' protezzjoni personali (PPE) huwa l-aħħar rimedju meta l-esponiment ma jkunx jista' jiġi kkontrollat b'mod adegwat b'mezzi oħrajn.

Aqra iktar:

Komunikazzjoni tajba

Biex tiġi żgurata s-sigurtà tagħhom, il-ħaddiema għandhom jinżammu infurmati dwar:

  • Is-sejbiet tal-valutazzjonijiet tar-riskju tal-impjegatur tagħhom
  • Il-perikli li jkunu esposti għalihom u kif jistgħu jiġu affettwati
  • X’għandhom jagħmlu biex iżommu lilhom infushom u lil ħaddieħor sigur
  • Kif jiċċekkjaw u jindunaw li l-affarijiet mhumiex sew
  • Lil min għandhom jirrappurtaw il-problemi
  • Ir-riżultati ta' kwalunkwe monitoraġġ tal-esponiment jew tas-sorveljanza tas-saħħa
  • Miżuri preventivi li għandhom jittieħdu f'każ ta' xogħol ta' manutenzjoni
  • L-ewwel għajnuna u proċeduri ta' emerġenza

Aqra l-fatt elettroniku tal-EU-OSHA dwar is-sustanzi perikolużi u l-komunikazzjoni ta' suċċess fuq il-post tax-xogħol

Il-limiti ta’ esponiment fuq ix-xogħol

L-UE u l-Istati Membri stabbilixxew Limiti ta' Esponiment Fuq ix-Xogħol (OELs) għal għadd ta' sustanzi perikolużi li għandhom jiġu rrispettati.
Valuri OELs vinkolanti (li jfisser li għandhom jiġu sodisfatti) u indikattivi (bħala indikazzjoni ta’ x’għandu jinkiseb) għal sustanzi perikolużi huma wkoll stabbiliti fid-Direttivi Ewropej dwar l-OSH. L-OELs għal sustanzi perikolużi huma informazzjoni importanti għall-valutazzjoni u għall-immaniġġjar tar-riskji. Ħafna Stati Membri tal-UE jistabbilixxu l-OELs nazzjonali tagħhom stess, li ġeneralment jinkludu aktar sustanzi mid-direttivi tal-UE. Madankollu, l-OELs ġew stabbiliti biss għal għadd limitat tas-sustanzi li attwalment jintużaw fuq il-post tax-xogħol.

Karċinoġeni

Hemm bosta sustanzi perikolużi kklassifikati bħala karċinoġeni li l-ħaddiema jistgħu jkunu esposti għalihom. Uħud huma ġġenerati mill-proċessi tax-xogħol infushom.

Hemm dispożizzjonijiet speċifiċi fl-UE li jipproteġu lill-ħaddiema. Skont id-Direttiva dwar il-Karċinoġeni, l-impjegaturi jridu jivvalutaw u jevitaw jew jimminimizzaw l-esponiment għall-karċinoġeni jew għall-mutaġeni. Minbarra li japplikaw il-ġerarkija ta' miżuri preventivi:

  • Huma għandhom jissostitwixxu karċinoġenu jew mutaġenu sa fejn ikun teknikament possibbli b'sustanza, taħlita jew proċess li mhumiex perikolużi jew daqstant perikolużi.
  • Fejn dan ma jkunx possibbli, għandhom jiżguraw li dan, sa fejn ikun teknikament possibbli, ikun immanifatturat u użat f'sistema magħluqa.
  • Fejn sistema magħluqa ma tkunx teknikament possibbli, l-impjegaturi għandhom inaqqsu l-esponiment sa fejn ikun teknikament possibbli, billi jillimitaw il-kwantitajiet u jżommu n-numru ta' ħaddiema esposti kemm jista' jkun baxx.

Iridu wkoll:

  • Jiddemarkaw iż-żoni ta' riskju u jużaw sinjali adegwati ta' twissija u ta' sigurtà
  • Ifasslu l-proċessi tax-xogħol b'mod li jimminimizzaw ir-rilaxx tas-sustanza
  • Jevakwaw il-karċinoġeni jew il-mutaġeni mis-sors, iżda jirrispettaw l-ambjent
  • Jużaw proċeduri ta' kejl xierqa (b'mod speċjali għad-detezzjoni bikrija ta' esponiment anormali minn avveniment jew inċident imprevedibbli)
  • Jużaw miżuri ta' protezzjoni individwali jekk il-miżuri ta' protezzjoni kollettivi mhumiex suffiċjenti
  • Jipprovdu miżuri ta' iġjene (tindif regolari)
  • Ifasslu pjanijiet ta' emerġenza
  • Jużaw kontenituri ssiġillati u tikkettati b'mod ċar u viżibbli għall-ħżin, l-immaniġġjar u t-trasport u għar-rimi tal-iskart

Għandhom ukoll rekwiżiti ta' informazzjoni speċifiċi għall-ħaddiema u għall-awtoritajiet u jridu jżommu rekords ta' ħaddiema esposti u tar-riżultati tal-kejl u tas-sorveljanza tas-saħħa.

Artikoli tal-OSHwiki: Asbestos, Silika Kristallina Respirabbli

Żur it-taqsima tal-web dwar il-kanċer relatat max-xogħol

Kun af aktar dwar il-Pjan Direzzjonali dwar il-karċinoġeni

Salvagwardji legali

Kull min huwa involut fl-immaniġġjar ta’ sustanzi perikolużi fil-postijiet tax-xogħol jeħtieġ li jkun konxju dwar il-qafas leġiżlattiv li jkopri s-sustanzi perikolużi fl-UE.

Il-leġiżlazzjoni tal-OSH hija mmirata biex tħares lill-ħaddiema minn riskji ta' sigurtà u tas-saħħa inġenerali u minn sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol (eż. id-Direttiva dwar l-Aġenti Kimiċi, id-Direttiva dwar il-Karċinoġeni, u d-direttivi dwar il-valuri limiti). Din tirrikjedi li l-impjegaturi jwettqu valutazzjoni tar-riskji kollha tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, inklużi r-riskji minn sustanzi perikolużi, u jistabbilixxu miżuri ta' protezzjoni u prevenzjoni xierqa. Sib sommarji tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

L-għan huwa li jiġi żgurat li r-riskji jiġu indirizzati mis-sors u li l-miżuri kollettivi — jiġifieri, il-miżuri li jipproteġu grupp ta’ ħaddiema b’mod sistematiku — jsiru l-ewwel prijorità.

Il-leġiżlazzjoni REACH u r-Regolament CLP jeżiġu li l-manifatturi u l-fornituri ta’ sustanzi kimiċi jiżguraw li jiġu pprovduti tikketti standardizzati dwar is-sigurtà, pittogrammi tal-periklu u skedi ta’ data ta’ sigurtà. Dawn jipprovdu informazzjoni dwar il-karatteristiċi tas-sustanzi u l-perikli assoċjati magħhom, kif ukoll gwida dwar il-ħżin, l-immaniġġjar u l-prevenzjoni tar-riskji. Regolamenti u linji gwida oħra jkopru aspetti speċifiċi bħall-manifattura, il-forniment, it-trasport u l-ittikkettar ta’ sustanzi perikolużi, u ħafna drabi dawn huma rilevanti wkoll għall-post tax-xogħol.

Ir-regolamenti tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma inkorporati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda l-Istati Membri huma intitolati wkoll li jinkludu dispożizzjonijiet oħrajn jew aktar stretti għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Għaldaqstant huwa importanti li l-impriżi jiċċekkjaw il-leġiżlazzjoni speċifika f'kull pajjiż rilevanti.

Sir af aktar dwar: